10/07/2026
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTRU GĦAS-SAĦĦA.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg iżur l-ivestiment kontienwu fl-Isptar Monte Karmeli
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg żar l-Isptar Monte Karmeli bħala parti minn għadd ta’ żjarat f’numru ta’ istituzzjonijiet tas-saħħa madwar il-pajjiż kollhu. Matul iż-żjara tiegħu huwa ltaqa’ mal-pazjenti, l-ħaddiema u t-tmexxija tal-isptar sabiex jisma’ mill-qrib l-esperjenza tagħhom inkluż f’ambjent ġdid - hekk kif iż-żewġ swali l-ġodda tal-kura akuta issa qed jilqgħu l-pazjenti.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal, “Stajt nara u nesperjenza flimkien mal-pazjenti, l-impjegati u t-tmexxija ta’ dan l-isptar il-mixja li saret lejn dawn is-swali ġodda, mgħammra bl-aqwa ambjent għal dawk li jkunu hawn għal perjodu qasir sabiex jingħataw il-kura akuta li jeħtieġu. Il-pjanijiet tal-Gvern ikomplu jibnu fuq is-suċċessi ta’ qabel filwaqt li nirrikonoxxu l-isfidi li għad fadal. Inħares ’il quddiem għal aktar investiment, fosthom il-proġett li qed jitnieda fl-Isptar Mater Dei fejn ser jinbnew żewġ swali ġodda tal-psikjatrija.”
Kull waħda mis-swali l-ġodda ġewwa l-isptar Monte Karmeli għandha kapaċità ta’ 23 sodda u hija mfassla biex toffri ambjent modern, sigur u terapewtiku li jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-kura fis-saħħa mentali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli, Roseanne Camilleri, tkellmet dwar il-progress li qed isir fil-modernizzazzjoni tal-isptar u l-proġetti li jinsabu għaddejjin biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura offruta lill-pazjenti.
Hija qalet, “Kien ta’ pjaċir kbir għalina li lqajna lid-Deputat Prim Ministru ftit ġimgħat biss wara li ngħata r-responsabbiltà tal-Ministeru għas-Saħħa. Matul iż-żjara ltaqajna mal-impjegati u mal-pazjenti, li lkoll ikkummentaw b’mod pożittiv dwar is-servizz u l-ambjent il-ġdid. Iddiskutejna wkoll il-proġetti li għandna ppjanati, fosthom ir-riġenerazzjoni tas-swali li ġew vakati, li l-fażi tal-ippjanar tagħhom tinsab fi stadju avvanzat. Fiż-żmien li ġej ser nibqgħu naħdmu fuq inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti tagħna.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Kliniku tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, il-Professur Anton Grech, saħaq fuq l-importanza ta’ ambjent modern bħala parti integrali mill-kura tas-saħħa mentali u tenna l-viżjoni li dejjem aktar kura tingħata fil-komunità.
Huwa qal, “Bqajna mexjin ’il quddiem bir-ritmu tad-dinja moderna. Illum kien ta’ pjaċir kbir li rajna dawn is-swali ġodda mimlijin bil-pazjenti, fejn permezz tal-ambjent qed nagħtu kontribut importanti għall-kura tas-saħħa mentali – kura li mhijiex biss mediċina. Dawn is-swali tal-kura akuta huma fost l-isbaħ fl-Ewropa. “
Prof. Anton Grech sostna wkoll dwar viżjoni ħolistika fejn tidħol is-saħħa mentali f’pajjiżna “ Aħna nibqgħu nemmnu wkoll li l-kura fl-isptar għandha tingħata għall-inqas żmien possibbli, filwaqt li nkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità permezz ta’ aktar inizjattivi u ftehimiet.”
https://www.facebook.com/reel/2160751504657162/?fs=e&mibextid=wwXIfr