15/01/2026
Il-jum it-tajjeb.
Fl-1536 Kavalier Ingliż, mimli rabja u ġelożija, qatel lill-mara Maltija li kienet ħabiba tiegħu billi nifdilha qalbha b’xabla. Fl-istess żmien, żagħżugħ li kien qed ihejji lilu nnifsu biex jieħu l-voti tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza biex isir Kavalier, seraq oġġetti sagri.
Il-qattiel u l-ħalliel ingħataw is-sentenza tal-mewt billi rabtuhom ġo xkora u għarrquhom mil ‘il barra mill-Port il-Kbir. Alexander Sutherland jikteb dwar dawn iż-żewġ delitti kbar f’ ‘The Achievement of the Knights of Malta’ (Edinburgh – 1831).
Ġraw meta Didier de Saint-Jaille kien Gran Mastru ta’ Malta (1535-1536) bla qatt ġie Malta waqt il-ħakma tiegħu. Miet Montpellier fi Franza fejn kien mar għall-kura. Huwa l-uniku Gran Mastru (minbarra l-aħħar wieħed f’Malta Ferdinand Von Hompesch) li mhux midfun Malta.
Kriminali u vjolenti
Carmel Cassar f’ ‘Monks of Honour: The Knights of Malta and Criminal Behaviour in Early Modem Rome’ (2010) jgħidilna li għalkemm il-Kavalieri suppost kienu marbutin bil-voti tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza, kienu jiksru dawn il-voti kontinwament. “Kienu privileġġjati, sinjuri, ċertament mhux verġni u spiss ma jobdux lis-superjuri tagħhom.” Spiss kienu vjolenti.
F’Lulju tal-1568, grupp ta’ Kavalieri Kastiljani, ikkundannati għax kitbu b’mod satiriku u pubbliku kontra l-Gran Mastru de Valette (1557-1568), daħlu fil-Palazz tal-Gran Mastru u għamlu ħerba fid-desk tal-Kanċillier tal-Ordni.
L-istoriku tal-Ordni, Fra Bartolomeo Dal Pozzo, jgħid li waqt ir-renju tal-Gran Mastru Jean Leveque de La Cassiere (1572-1582), l-akbar problema ma kinetx il-biża’ minn xi invażjoni Ottomana imma mill-imġiba ħażina tal-Kavalieri il-ħin kollu miġġildin ma’ xulxin.
Skandalużi u difensuri tar-reliġjon
Cassar jgħidilna li kien hemm drabi fejn il-Papa rtira l-appoġġ tiegħu lill-Ordni bħal meta fl-1599 l-Kavalier Fra Carlo Valdina ta daqqa ta’ ħarta lis-segretarju tal-Inkwiżitur f’Malta u l-Papa Klement VIII żamm mal-Inkwiżitur meta dan ħa passi legali kontra l-Kavalier.
Fl-1624 il-Ġiżwita Fioravanti, li kien il-konfessur tal-Papa Urbanu VIII irċieva rapport li ħafna mill-Kavalieri f’Malta kienu jġibu ruħhom b’mod “skandaluż”. Fl-1627 il-Papa ordna li l-Kavalieri m’għandhomx ikollhom konkubini. Imma ħafna mill-Kavalieri njorawh u żammew il-konkubini tagħhom. Kienu jġibru ruħhom ta’ nobbli li jħossuhom speċjali u superjuri fuq kulħadd.
Is-Santa Sede kienet taf x’pezza kienu l-Kavalieri imma kien jaqblilha tfaħħar lill-Ordni tal-Kavalieri u l-bandiera tiegħu ta’ salib abjad fuq sfond aħmar fil-gwerra favur ir-reliġjon Kattolika u kontra l-Iżlam. Is-Santa Sede kienet tippreferi lill-Ordni tal-Kavalieri fuq organizzazzjonijiet oħra.
Saħħa u sliem.
Rapport tal-1624: Ħafna mill-Kavalieri f’Malta kienu jġibu ruħhom b’mod “skandaluż”