03/07/2026
https://www.facebook.com/share/p/1Hyb9QE8pi/
Illum tajna l-aħħar tislima ✝️ lil George Galea, magħruf minn kulħadd bħala l-Bajdu.
Jibqgħulna t-tifkiriet sbieħ ta' persuna ġenwina, ferriħija, dejjem lesta tagħti daqqa t'id u taqsam l-għerf tagħha ma' kulħadd. George ddedika ħajtu għall-komunità ta' Ħal Qormi u għall-Partit Laburista, fejn serva wkoll bħala Kunsillier Laburista fil-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi b'impenn u lealtà.
Martu, Mary, kienet l-għalliema tiegħi fil-Kinder, u għalhekk il-familja Galea kienet parti mit-tfulija tiegħi. Għal George martu Mary kienet persuna speċjali. Kien isemmiha kontinwament u anke waqt li kien fuq kura paljattiva baqà jitkellem fuqha b'imħabba u b'għożża kbira.
Fiż-żmien li servejt bħala Sindku ta' Ħal Qormi, George kien iżur il-Kunsill prattikament kuljum. Kien jgħaddi jġibilna l-gazzetti, joqgħod jitkellem magħna u xi rakkont politiku ma kien jonqos qatt!
Kien tassew enċiklopedija u direttorju uman ta' Ħal Qormi. Kull meta kellna bżonn informazzjoni dwar ir-reġistri elettorali li kienu jmorru lura ħafna snin, konna nduru fuqu. Kellu memorja straordinarja u kien jaf kważi kull dar, min kien joqgħod fejn u l-istorja ta' tant familji Qriema.
Sal-2024 kien għadu attiv fuq livell politiku. Minkejja li saħħtu kienet bdiet tmajna, baqa' jaħdem bla heda biex il-Partit Laburista jikseb riżultat b'saħħtu kemm fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll f'dik tal-Kunsilli Lokali.
Grazzi tar-rispett. Strieħ fis-sliem, George.